top of page
Il-Kumpanija Teatru Rjal thabbar il-programm tagħha ghal l-istagun 2025/26
4 ta' Settembru 2025  Dar il-Mediterran il-Belt
Fir-ritratt jidhru Neville Refalo, Pawlu Testa, Rodney Gauci  u Bryan Muscat

Jiddu l-Kwiekeb

Lejla ta’ spettaklu u armonija mużikali

 

Novità oħra mill-Kumpanija Teatru Rjal għal din is-sena se tkun l-introduzzjoni ta’ lejla ta’ spettaklu teatrali kbir bis-sehem ta’ wħud fost l-aqwa talent mużikali fil-gżejjer Maltin bħalissa.  Fl-isfond tal-esperjenzi ta’ produzzjonijiet mużikali passati f’teatri oħra matul it-33 sena tal-eżistenza tagħha, il-Kumpanija Teatru Rjal iddeċidiet li f’dan l-aspett tagħmel ukoll qabża fil-kwalità u torganizza lejla spettakolari fit-teatru prestiġjuż ta’ Dan il-Mediterran, il-Belt.

Il-ħsieb tal-organizzaturi wara l-isem ‘Jiddu l-Kwiekeb’ huwa li din is-serata tkun dedikata għal dawk il-persuni li minn wara l-kwinti jaħdmu matul is-sena kollha biex jagħmlu l-ħajja ta’ persuni fil-bżonn ftit aktar faċli. Fost il-ħafna għaqdiet u organizzazzjonijiet li hawn f’pajjiżna, ċertament hemm dawk li jaħdmu biex jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li l-ġid li tagħmel ma’ persuni u tfal morda matul is-sena kollha ma jistax jiġi kalkulat jew apprezzat biżżejjed. ‘Jiddu l-Kwiekeb’ irid jagħti r-rikonoxximent tiegħu lil dawn il-persuni li verament huma kewkba li tiddi u titfa’ raġġ ta’ tama għal min hu fil-bżonn.

Parti mid-dħul għal din il-produzzjoni, li se ssir il-Ħadd 21 ta’ Diċembru li ġej fis-6.30pm f’Dar il-Mediterran, il-Belt, se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund. Fil-fatt l-attività se ssir taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

 

Kif wieħed jista’ jistenna f’dan iż-żmien tas-sena, ma jonqsux interpretazzjonijiet immortali bħal ‘Oh Holy Night’, ‘When a Child is Born’ u ‘Ħelu Bambin’. Se jkunu inklużi wkoll siltiet mużikali oħra Maltin u internazzjonali interpretati minn kantanti professjonali li żgur se jallegraw lill-udjenza preżenti u jġegħluhom ikantaw magħhom.

Ismijiet bħal Neville Refalo, Pamela, Petra, Ludwig Galea, Glen Vella, Ozzy Lino, J Anvil, Mark Tonna, Amber, Mariah u Sarah Muscat Micallef, flimkien mal-kor popolari VOCA taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Camilleri u Lara Bonnici kif ukoll il-kor sabiħ tat-tfal bl-isem ‘Future Voices’ immexxi minn Iona Dalli u Maria Bellia u orkestra ta’ għaxar elementi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Conrad Briffa, huma biżżejjed biex jiggarantixxu serata mill-isbaħ u ta’ livell bla preċedent fil-produzzjonijiet imtellgħa mill-Kumpanija Teatru Rjal.

Minn ħin għal ħin, fost sorpriżi oħra, jitfaċċa fuq il-palk ukoll l-attur komiku Rodney Gauci.

Hi karatteristika wkoll tal-Kumpanija Teatru Rjal, li serata bħal din minbarra l-livell tal-mużika u l-kant, tkun animata u kompluta bi spettaklu ta’ dwal u projections li jagħmlu l-esperjenza ta’ dawk preżenti waħda li ma tintesiex malajr. Min hu midħla tal-produzzjonijiet ta’ din il-kumpanija, jaf x’jista’ jistenna.

‘Jiddu l-Kwiekeb’ se jsir fuq serata waħda biss u għalhekk l-organizzaturi qegħdin jappellaw biex wieħed jaħseb kmieni għall-biljetti tiegħu. Il-booking diġà jinsab miftuħ minn fuq ktrmalta.com jew permezz tan-numru tat-telefon 99476468.

Ejja niddevertu u nieħdu gost flimkien waqt li fl-istess ħin inkunu qegħdin ngħinu lill-Malta Community Chest Fund fil-ħidma imprezzabbli tagħha.

IL-PANTOMIMA TAL-MILIED BIL-MALTI GĦAL DARB’OĦRA  F’DAR IL-MEDITERRAN 

Alice, f’dal-pajjiż tal-Meravilji 

Wara li bħal daż-żmien sena għednielkom li l-kumpanija tagħna – il-Kumpanija Teatru Rjal – wara snin twal ta’ rappreżentazzjonijiet fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, kienet se tagħmel dak li sejjaħnielu “il-pass li jmiss”. 

Il-pass li kien imiss fl-istorja tal-kumpanija kien li għall-ewwel darba l-Pantomima tal-Milied toħroġ mill-Istitut Kattoliku u tittrasferixxi ruħha għat-teatru prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. 

Dan kien pass kuraġġuż u storiku mhux biss għall-Kumpanija Teatru Rjal, iżda wkoll għall-istess Dar il-Mediterran, għax dan it-teatru kien qiegħed jospita fih spettaklu teatrali fil-ġeneru tal-Pantomima tal-Milied għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu. 

Ir-riskju ħadnieh, u llum nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li l-esperiment irnexxa. Irnexxa, ikolli ngħid, anki iktar minn dak li konna qegħdin nistennew. Il-pubbliku kkonkorra bi ħġaru u r-rispons tal-udjenza dakinhar għamlilna kuraġġ kbir. 

Għalhekk iddeċidejna li din is-sena mhux biss inkomplu mexjin fuq il-passi tas-sena li għaddiet, imma wkoll inkunu aktar ambizzjużi u innovattivi minn dakinhar. Dan filwaqt li se nibqgħu nirrispettaw it-tradizzjonijiet u l-użanzi tal-pantomima, jiġifieri spettaklu adattat għal kull membru tal-familja, mill-kbir saż-żgħir. 

 

Il-pantomima tal-Milied ta’ din is-sena se tittella’ għal sitt darbiet f’Malta dejjem f’Dar Il-Mediterran il-Belt f’dawn id-dati: 

•  Il-Ġimgħa 26 ta’ Diċembru fis-2.30pm u 7.30pm 

• Is-Sibt 27 ta’ Diċembru fis-7.30pm 

• Il-Ħadd 28 ta’ Diċembru fl-4.00pm  

• It-Tnejn 29 ta’ Diċembru fis-7.00pm 

• Is-Sibt 3 ta’ Jannar 2026 fis-7.30pm  

Nistgħu minn issa niggarantixxu lil dawk kollha li jogħġobhom jattendu li waqt li se jassistu għal pantomima li żżomm it-tradizzjoni ta’ attività teatrali adattata għall-familja kollha, se jkunu qed jassistu wkoll għal produzzjoni ta’ livell għoli f’dak li hu skript, dwal, kostumi, xenografija, kant, żfin u korjografija professjonali bl-aqwa elementi tal-mument fil-qasam tal-ispettaklu lokali. 

 

Fost dawn nistgħu nsemmu xi innovitajiet, bħal Marvic, segwit ħafna waqt Big Brother u issa se jsib ruħu fuq il-palk tal-pantomima. Insemmu wkoll lil Danita, magħrufa bħala onechicandayorkiet li mill-battuti ħelwin tagħha fuq il-midja soċjali issa se tnissel tbissima aktar mill-viċin lill-pubbliku minn fuq il-palk ta’ Dar il-Mediterran. 

Bħala kantanti u atturi dis-sena nsibu għat-tmien sena konsekuttiva lil Rodney Camilleri Gauci bħala d-Dama, Lee-N, Petra, Leah Mifsud, Mariah Mangion, Luca Pardo, Joseph Fenech, Matteo Testa, Beppe Mauro u Moses Galea.  

Se jkollna wkoll ir-ritorn ta’ Ina Robinich u Alexia Micallef filwaqt li nilqgħu għall-ewwel darba fil-Pantomima tagħna lill-kantant u attur popolari  Ozzy Lino u lill-kantanta, attriċi u kompożitriċi Sarah Micallef Muscat. 

Id-direzzjoni hi f’idejn Bryan Muscat. Koreografija ta’ Kinetic Dance Studio; Arranġamenti mużikali f’idejn il-Band Leader Conrad Briffa, Kostumista u ħajjat Noel Zarb  u Ernest Camilleri, Makeup by Varena u Produzzjoni Artistika f’idejn Pawlu Testa f’isem il-kumpanija Teatru Rjal. 

Il-booking diġà jinsab miftuħ minn fuq ktrmalta.com jew permezz tat-telefon numru 99476468. 

Nittamaw li tingħaqdu magħna biex flimkien ma’ Alice nieħdu gost flimkien f’dal-pajjiż tal-meravilja! 

Capture.PNG
99476468
world-wide-web-white.png
www. ktrmalta.com
rsz_original_summer_programme_2015.png
Nest_Logo_Stacked_-08.png
Tokis Full Colour.png
mattress_collection_5.png

133,

G'Mangia Hill,

G'Mangia, PTA1311.

Malta, Europe

Pepsi HQ.png
CREATIVE-EUROPE-DESK-1-logo_edited.jpg
bottom of page